Merħba! Din il-website evanġelika hi maħsuba għall-ħbiebna Kattoliċi li sinċerament jixtiequ jkunu jafu kif jiksbu s-salvazzjoni. L-għan tagħna hu li nxandru l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, għax hu l-qawwa t’Alla għas-salvazzjoni ta’ kull min jemmen. Nistednuk taqra dawn artikli qosra b’attitudni ta’ talb. Fl-istess waqt inħeġġuk tqabbel kollox mal-Iskrittura biex tassigura ruħek li l-fidi tiegħek hi mibnija fuq il-blata soda tal-Kelma t’Alla. Jalla il-Mulej jagħtik id-dehen biex tifhem il-messaġġ tiegħu, u jagħtik ukoll id-don tal-fidi u s-salvazzjoni. Il-Verità L-Iskrittura Mqaddsa “tista’ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi, li hi fi Kristu Ġesù” (2 Timotju 3:15). Ġesù jsemmi żewġ toroq: il-wiesa’ tintemm fit-telfien, id-dejqa twassal għall-ħajja. Kif nistgħu nagħrfu triq l-Ġenna u nevitaw l-oħra? Il-bniedem ivvinta reliġjonijiet bil-gzuz. Kollha kemm huma żbaljati, kif twissina l-Iskrittura: “Id-dinja b’għerfha ma għarfitx ‘l Alla” (1 Korintin 1:21). Il-verità nsibuha fil-Bibbja. Il-kotba ta’ l-Iskrittura inkitbu minn nies qaddisa gwidati mill-Ispirtu s-Santu. Għalhekk il-Bibbja hi l-Kelma t’Alla; u ladarba Alla la jista’ jigdeb u lanqas jiżbalja, nistgħu nserrħu moħħna u noqogħdu fuq it-tagħlim tagħha. L-Iskrittura Mqaddsa “tista’ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi, li hi fi Kristu Ġesù” (2 Timotju 3:15). Xi ngħidu għat-tradizzjoni? Ġesù wissiena kontra t-tradizzjoni (Mark 7:1-13). Il-Lhud kien messhom żammew sod mat-tagħlim ta’ l-Iskrittura. Ġara li ħalltu l-Iskrittura mat-tradizzjoni u għarrqu kollox. Ġesù akkużahom li ġabu fix-xejn il-Kelma t’Alla bit-tradizzjoni tagħhom. Sfortunatmanet , l-istorja rrepetiet ruħha. Daħlu tradizzjonijiet fil-knisja li jeħduha kontra t-tagħlim ċar tal-Bibbja. Ngħidu aħna, il-knisja Kattolika tirrakkomanda l-istatwi fil-qima reliġjuża avolja t-tieni kmandament jipprojbixxi l-qima ta’ xbihat minquxa (Esodu 20:4). Xi ngħidu għall-għalliema reliġjużi? Għandna nisimgħu minnhom sakemm it-tagħlim tagħhom jaqbel mal-Bibbja. Nagħmlu bħad-dixxipli tal-belt ta’ Berea li “laqgħu l-kelma bil-ħeġġa kollha, u fittxu kuljum fl-Iskrittura, jekk dawk il-ħwejjeġ kinux hekk” (Atti 17:11). Kif għandna nistmaw l-opinjoni personali? Għaliex m’għandix nemmen dak li jogħġob lili? Sempliċement għax Alla jaf kollox u jien ma naf xejn! “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha; u fuq fehmtek la tafdax” (Proverbji 3:5). Il-Bibbja hi gwida ċerta’ lejn il-Ġenna. Min jitgħallem, jemmen u jobdi l-messaġġ tagħha jista’ jistqarr: “Kelmtek musbieħ għal riġlejja, u dawl għall-mogħdija tiegħi” (Salm 119:105). Sagrifiċċju għad-Dnub Kristu kien offrut darba biex jerfa’ d-dnubiet ta’ ħafna (Lhud 9:28). Imissna nobdu u nħobbu lill-Ħallieq u s-Sid tagħna. Madankollu, sa mill-bidu nett, irribellajna kontrih, dnibna, krisna l-liġi tiegħu, u allura sirna ħatja quddiemu u fil-periklu tal-kastig fl-Infern. Hemm mezz wieħed ta’ ħelsien mid-dnub, kif tgħallem il-Bibbja: “Bla tixrid ta’ demm m’hemmx maħfra” (Lhud 9:22). Fit-Testment il-Qadim Alla kkmanda lill-poplu tiegħu joffri annimali b’sagrifiċċju fuq l-artal biex jitgħallmu li, l-ewwelnett, id-dnub iġib l-kastig, u t-tieni, li l-midneb jista’ jeħles mill-kastig ta’ dnubietu jekk xi ħadd ieħor jieħu l-piena minfloku. Kienet stampa ta’ dak li kellu jagħmel Ġesù, il-ħaruf t’Alla, fuq l-għolja tal-Kalvarju. “Kristu wkoll darba bata għad-dnubiet, hu l-ġust għal dawk li mhuxiex ġusti, biex iressaqna lejn Alla” (1 Pietru 3:18). Kristu - ġust, perfett, mingħajr dnub - tgħabba bid-dnubiet tal-poplu tiegħu u sofra u miet fuq is-salib biex iħallas il-kastig mitlub mil-Liġi t’Alla. Għalhekk id-dixxipli ta’ Kristu, meħlusin minn dnubiethom, jistgħu jersqu lejn Alla bla twerwir. Ġesù Kristu salva l-poplu tiegħu minn dnubiethom bis-sagrifiċċju tiegħu fuq is-salib. Lejlet il-passjoni, Ġesù waqqaf l-ewkaristija sabiex id-dixxipli tiegħu jibqgħu jiftakru fih u fis-sagrifiċċju tiegħu sakemm jerġa’ jiġi. Ħasra li t-tradizzjoni bidlet it-tifsira ta’ l-ewkaristija. Il-knisja Kattolika illum tgħallem li l-ħobż u l-inbid ma jibqgħux iżjed ħobż u inbid, imma jsiru il-ġisem u d-demm ta’ Kristu. Tassew li Ġesù qal, “Dan hu ġismi...Dan hu demmi.” Iżda kull darba Ġesù nnifsu fisser it-tifsira ta’ kliemu: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Il-ħobż u l-inbid huma tifkira ta’ ġismu u demmu mogħtija għalina. Hemm żball ieħor fit-tagħlim Kattoliku dwar l-ewkaristija. Il-knisja Kattolika tgħallem li l-quddiesa hi sagrifiċċju bi tpattija għad-dnub. Tgħallem li l-quddiesa “tkompli” u “tagħmel preżenti” s-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-salib. L-Iskritura tgħallem mod ieħor: Kristu daħal “fis-sema stess, biex jidher issa għalina quddiem Alla. Mhux biex joffri lilu nnifsu bosta’ drabi, bħal ma jidħol il-qassis il-kbir (fit-Testment il-Qadim) darba fis-sena fis-santwarju bid-demm ta’ oħrajn. Għax kieku kien ikollu jbati ta’ spiss mit-tisjis tad-dinja. Iżda issa deher darba fl-aħħar taż-żminijiet biex iħassar id-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu...Kristu kien offrut darba biex jerfa’ d-dnubiet ta’ ħafna” (Lhud 9:24-28). Jekk fadal il-bżonn tas-sagrifiċċju ta’ kuljum fil-quddies, ifisser li d-dnub għadu mhux imħallas kollu! Imma fit-Testment il-Ġdid m’hemmx aktar sagrifiċċju għad-dnubiet; l-Insara huma assigurati li dnubiethom maħfura kompletament u għal dejjem. Il-Mulej iwegħdhom: “Fi dnubiethom u ħtijiethom ma niftakarx aktar.” Imbagħad il-Bibbja tikkonkludi: “Issa fejn hemm il-maħfra ta’ dawn, m’hemmx iżjed offerti għad-dnub” (Lhud 10:17,18). Se tmur il-quddies din il-ġimgħa u titlob ‘l Alla mal-qassis: “Ilqa’ Mulej dan is-sagrifiċċju li qed noffrulek,” meta taf li illum “m’hemmx iżjed offerti għad-dnub,” jew tersaq lejn Alla fuq il-merti tas-sagrifiċċju wieħed u mitmum ta’ Kristu fuq is-salib? Medjatur Wieħed Hemm Alla wieħed, u medjatur wieħed bejn Alla u l-bniedem: il-bniedem Kristu Ġesù li ta lilu nnifsu bħala fidwa għal kulħadd (1 Timotju 2:5,6). Ladarba Alla hu qaddis u ġust, ma nistgħux nersqu lejh għarwenin u maħmuġin bid-dnubietna. Neħtieġu medjatur biex inaddafna mill-ħażen tagħna, ilibbisna sabiħ u jippreżentana quddiemu. Il-medjatur huwa Ġesù Kristu: “Ghax hemm Alla wieħed, u medjatur wieħed bejn Alla u l-bniedem: il-bniedem Kristu Ġesù li ta lilu nnifsu bħala fidwa għal kulħadd” (1 Timotju 2:5,6). Hu biss il-medjatur għax hu waħdu xerred demmu biex jeħles il-poplu tiegħu mill-ħakma tad-dnub. Ħasra kbira li t-tradizzjoni umana ħbiet din id-dottrina ewlenija tal-Bibbja, u maż-żmien iddaħħlu “medjaturi” oħra. Marija Omm il-Mulej Marija hi wisq imbierka fost in-nisa għax intgħażlet biex tkun omm il-Mulej skond il-ġisem. L-Insara bir-raġun isejjħulha “mbierka” għal dan il-privileġġ uniku. Jibqa’ l-fatt li Marija mhix is-salvatur u lanqas il-medjatur. Il-knisja Kattolika tgħallem li Marija kienet mnissla mingħajr dnub; bit-tbatija tagħha tat sehem fil-fidwa tagħna; telgħet is-sema u kienet maħtura medjatriċI; tissejjaħ “ħajjitna” u “l-bieb tas-sema.” M’għandniex l-iċken ħjiel ta’ dawn l-ideat fil-Bibbja. Anzi naqraw li Ġesù waħdu kien imnissel bla dnub, miet għal dnubietna, u tela’ s-sema biex ikun l-uniku medjatur bejn Alla u l-bniedem. Hu biss il-ħajja; hu biss il-bieb tas-sema. Għalhekk lejh biss għandna nirrikorru. Marija qalet: “Ruħi tkabbar il-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jithenna f’Alla s-Salvatur tiegħi” (Luqa 1:46,47). Ix-xewqa tagħha hi li tgħolli lill-Mulej bla ma tfittex il-glorja tagħha. Bl-eżempju tagħha Marija tgħallimna nafdaw f’Alla għas-salvazzjoni tagħna, u mhux fiha jew f’xi ħadd ieħor, għax hi sejjħet ‘l Alla “s-Salvatur tiegħi.” Għandna nsejħu isem il-Mulej u mhux isem Marija, għax kif qal l-appostlu Pietru, “Lanqas f’ħadd ieħor mhemm salvazzjoni, għax mhemm ebda isem ieħor taħt is-sema mogħti fost il-bnedmin, li bih nistgħu nkunu salvati” (Atti 4:12). Is-saċerdot Kattoliku Il-mexxejja fil-knejjes appostoliċi kienu jissejħu rgħajja (pastors), xjuħ (presbiteri) u isqfijiet. Qatt ma jissejħu saċerdoti. Il-saċerdoti tat-Testment il-Qadim twarrbu għax għamlu wisa’ għal Ġesù Kristu, “il-Qassis il-Kbir ta’ l-istqarrija tal-fidi tagħna” (Lhud 3:1). Il-qassisin Levitiċi kienu midinba; kienu joffru id-demm ta’ l-annimali, u kienu jidħlu biss f’tempju magħmul bl-idejn. Ġesù hu wisq aħjar minnhom. Hu qaddis u bla dnub; offra demmu stess u daħal fil-Ġenna fil-preżenza tal-Missier. “Kien jaqblilna jkollna qassis kbir bħal dan, li hu qaddis, bla ħtija, bla għajb, mifrud mill-midinbin, u mgħolli aktar ‘il fuq mis-smewwiet. Li m’għandux bżonn ta’ kuljum, bħal dawk il-qassisin il-kbar, joffri sagrifiċċju, l-ewwel għal dnubietu, u mbagħad għal dawk tal-poplu; għax dan għamlu darba, meta offra lilu nnifsu” (Lhud 7:26,27). Ma neħtiġux is-saċerdot Kattoliku biex joffri sagrifiċċju għad-dnub ladarba għandna lil Ġesù Kristu. Hu “jista’ wkoll isalva għalkollox lil dawk li bih jiġu għand Alla, billi hu dejjem ħaj biex jidħol għalihom” (Lhud 7:24). Trid tkun taf it-triq tal-Ġenna? Il-Mulej Ġesù jgħidilna ċar u tond: “Jien hu t-triq, u l-verità, u l-ħajja; ħadd ma jiġi għand il-Missier, ħlief bija” (Ġwanni 14:6). Ejja għand il-Missier, permezz ta’ Ġesù Kristu, il-Medjatur wieħed. Il-Maħfra tad-Dnubiet Dawk kollha li jemmnu fi Kristu jaqilgħu l-maħfra ta’ dnubiethom b’ismu (Atti 10:43). Id-dnub huwa l-ksur tal-Liġi t’Alla; għalhekk Alla biss jista’ jaħfru. Meta David dineb serjament, reġa’ sab il-paċi meta stqarr lil Alla. “Jien għidt, ‘Nistqarr ħtijieti lill-Mulej’; u int ħfirtli l-ħażen ta’ dnubi” (Salm 32:5). It-tradizzjoni umana għawġet it-tagħlim tal-Bibbja fuq il-maħfra. Illum, il-qassis Kattoliku jgħid li għandu l-qawwa ta’ l-assuluzzjoni, jiġifieri li bħala mħallef jaħfer f’isem Alla. Meta kont żgħir għallmuni li Ġesù waqqaf is-sagrament tal-qrar meta qal lill-appostli: “Lil min taħfru d-dnubiet jinħafrulhom; u lil min iżżommuhom, jinżammu” (Ġwanni 20:23). Jidher ċar li Ġesù tahom is-setgħa li jaħfru. Imma kif? Bil-konfessjonarju jew b’xi mod ieħor? L-Atti ta’ l-Appostli u l-bqija tat-Testment il-Ġdid ma jħalluna f’ebda dubju. Imkien ma naqraw li l-Appostli kienu jqaraw, jagħtu l-assuluzzjoni jew it-tewba. Huma pridkaw l-Evanġelju u ħeġġew lil kulħadd jindem u jemmen fi Kristu biex jiksbu l-maħfra. L-appostlu Pietru priedka li “dawk kollha li jemmnu fih jaqilghu l-maħfra ta’ dnubiethom b’ismu.” L-appostlu Pawlu jesprimi l-istess konvinzjoni: “Permezz ta’ dan il-bniedem, il-maħfra tad-dnubiet hi mxandra lilkom, u bih dawk kollha li jemmnu huma ġġustifikati’ (Atti 10:43; 13:38,39). Jekk tixtieq il-maħfra, agħmel kif għallmu l-appostli ta’ Kristu: emmen fih! L-Insara jqerru kuljum. Mhux għand saċerdot Kattoliku; din id-drawwa hi invenzjoni umana li nibtet ħafna sekli wara Kristu. Il-Mulej qalilna lil min għandna nitolbu l-maħfra: “Missierna li inti fis-smewwiet ... aħfrilna dnubietna.” Fl-aħħarnett, hemm żball ieħor fit-tagħlim Kattoliku dwar il-maħfra. Jgħidu li Alla jaħfer nofs kedda għax ikun jonqos mill-bniedem li jwettaq il-penitenza biex jagħmel tajjeb għal ħtijietu. Saħansitra lil hinn mill-qabar, il-Kattoliċi jistennew li jitnaddfu minn dnubiethom fin-nar tal-Purgatorju. Il-Bibbja tassigura lid-dixxipli li “dnubietkom huma maħfura minħabba ismu” u “d-demm ta’ Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub” (1 Ġwanni 2:12; 1:7). Il-penitenza ta’ dnubiethom ġarrabha Kristu. Mhux it-tbatija personali jew l-purgatorju jnaddfu d-dnub imma id-demm ta’ Kristu biss! Il-Knisja ta’ Kristu Ħadd ma jista’ jqiegħed sisien oħra, barra minn dawk li huma mqiegħda, li huma Ġesù Kristu (1 Korintin 3:11). Darba Ġesù staqsa lid-dixxipli x’jaħsbu fuqu. Pietru wieġeb: “Inti l-Kristu, Bin Alla l-ħaj.” Għal din l-istqarrija, Ġesù bierek lil Pietru u qallu: “Imbierek int Xmun Bar-Ġona, għax mhux il-laħam u d-demm għarrfek dan, iżda Missieri li hu fis-smewwiet. U jien ngħidlek, li int Pietru, u fuq din il-blata nibni l-knisja tiegħi, u l-bibien ta’ l-infern ma jegħlbuhiex” (Mattew 16:16-18). X’inhi l-blata li fuqha tinbena l-Knisja? X’uħud jgħidu li Pietru; oħrajn jaħsbu li hi l-istqarrija tiegħu, “Inti l-Kristu.” Il-Knisja hi mibnija fuq it-tagħlim ta’ Pietru u l-appostli l-oħra, u l-profeti (ara Efesin 2:20). Iżda ma nistgħux ngħidu li l-Knisja hi mibnija fuq Pietru għax kien maħtur ir-ragħaj infallibbli tal-Knisja universali. Tassew, Pietru kien prominenti fost l-appostli, imma fit-Testment il-Ġdid ma nsibuhx bħala r-ras tal-Knisja kollha. Il-Katekiżmu jisħaq li Pietru huwa “r-ragħaj il-kbir tal-Knisja” (paragrafu 857); iżda Pietru stess ma jaqbel xejn affattu ma’ din l-invenzjoni. Mhux lilu nnisfu imma lil Ġesu Kristu jsejjaħ “ir-ragħaj il-kbir” (1 Pietru 5:4). Nistgħu wkoll nifhmu “l-blata” bħala l-istqarrija ta’ Pietru dwar Ġesù. Fuq Ġesù, il-Messija Divin, il-Kristjani kollha f’kull żmien jibnu ħajjithom. Huwa sinifikanti li mqar l-Katekiżmu Kattoliku jammetti li din hi tifsira korretta. “Hu fuq il-blata ta’ din il-fidi, li stqarr San Pietru, li Kristu bena l-Knisja tiegħu” (paragrafu 424). M’għandu jkollna l-ebda dubju dwar mistoqsijiet ewlenin fuq il-knisja għax il-Bibbja ma tħalliniex bejn ħalltejn:
Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu hi l-miġemgħa ta’ niesu kollha mifdija b’demmu. Il-Knisja hi qaddisa ghax il-membri huma mqaddsa bid-demm ta’ Kristu u għandhom l-istess Spirtu Qaddis. Il-Knisja hi appostolika ghax tobdi t-tagħlim ta’ l-appostli fl-Iskrittura. Il-Knisja hi kattolika - universali - għax il-mifdija huma meħuda minn kull ġens u nazzjon tad-dinja. Tkun imbierek bħal Pietru jekk tistqarr li Ġesù hu l-Kristu, Bin Alla l-ħaj, u bil-fidi tistrieħ fuqu għas-salvazzjoni tiegħek. Twelid mill-Ġdid Tassew, tassew ngħidlek: Jekk wieħed ma jitwilidx mill-ġdid, ma jistax jara s-saltna t’Alla (Ġwanni 3:3). Ġesù qal lil wieħed ghalliem Lhudi jismu Nikodemu: “Tassew, tassew ngħidlek: Jekk wieħed ma jitwilidx mill-ġdid, ma jistax jara s-saltna t’Alla.” Xejn ma jiswa’ jekk int reliġjuż, tmur il-knisja, titlob u tgħix ħajja morali. Il-mistoqsija kruċjali hi: “Twelidt mill-ġdid?” Għax jekk ma twelidtx mill-ġdid b’xejn ma tidħol il-Ġenna. Għaliex il-ħtieġa tat-twelid ġdid? Għaliex hemm bzonn bidla daqshekk drastika? L-Iskrittura tgħarrafna li twelidna spiritwalment għomja u paralizzati tant li ħadd ma jmur għand Kristu jekk ma jiġbdux il-Missier. Agħar minn hekk, il-bnedmin huma “mejtin fil-ħtijiet u d-dnubiet.” Bħalma l-mewt tifridna minn xulxin, hekk ukoll il-mewt spiritwali tifred il-bniedem minn Alla. Mhux biżżejjed taqleb il-folja jew tagħmel riżoluzzjoni li tgħix aħjar. Ir-riti reliġjużi, bħaċ-ċirkonċiżjoni u l-magħmudija, lanqas jgħinu. Għalkemm ċirkonċiż, Nikodemu kellu bżonn jitwieled mill-ġdid. Aktar minn kull ħaġa oħra, għandek bżonn il-ħajja! Ghandek bżonn titwieled mill-ġdid! Kif nista’ nitwieled mill-ġdid? X’naqbad nagħmel? Int ma tista’ tagħmel xejn. It-twelid mill-ġdid mhux xogħlok. Tarbija ma tagħżilx hi li tibda l-ħajja jew titwieled. Hekk ukoll, min hu spiritwalment mejjet ma jqumx għall-ħajja bil-ħila jew bir-rieda tiegħu. Ulied Alla twieldu “mhux mid-demm, u lanqas mir-rieda tal-ġisem, u lanqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla” (Ġwanni 1:13). It-twelid mill-ġdid hu opra ta’ l-Ispirtu s-Santu. “Ir-riħ jonfoħ fejn irid, u int tisma’ l-ħoss tiegħu, iżda ma tafx minn fejn hu ġej, u fejn hu sejjer; hekk hu kull wieħed li jitwieled mill-Ispirtu.” L-Ispirtu s-Santu jiżra’ l-Kelma t’Alla f’qalb il-bniedem u titnissel ħajja ġdida. Tiddependi ghal kollox fuq ir-rieda u l-ħniena t’Alla biex iqajmek u jagħtik il-ħajja eterna u jdaħħlek f’xirka miegħu. Għidna li t-twelid mill-ġdid ma jitwettaqx mill-bniedem. Madankollu l-effett ta’ din il-bidla radikali tidher fil-bniedem. Kif tkun taf jekk intix imwieled mill-ġdid? L-appostlu Ġwanni jagħtina dawn it-testijiet: “Kull min jemmen li Ġesu hu l-Kristu hu mwieled minn Alla” (1 Ġwanni 5:1). Qabel ftit kien jimportah minn Ġesù; issa jafda biss fih għax konvint li hu l-Iben t’Alla, il-magħżul tal-Missier, biex jeħilsu minn dnubietu. “Kull min hu mwieled minn Alla ma jagħmilx dnub...kull min jagħmel is-sewwa hu mwieled minn Alla” (1 Ġwanni 3:9; 2:29). Min hu mwieled minn Alla jikber u jsir jixbaħ lil Missieru. Jobgħod dak li jobgħod Alla; iħobb dak li jħobb Alla. Jissielet kontra d-dnub u t-tentazzjoni; mill-qalb jobdi l-kmandamenti tiegħu. “Kull min iħobb hu mwieled minn Alla” (1 Ġwanni 4:7). Jitgħallem iħobb bħal Missieru, għax Alla hu mħabba; jgħin u jaqdi lil kulħadd, speċjalment lil ħutu fi Kristu. Ħabib, meta tifli lilek innifsek fid-dawl tal-Kelma t’Alla, tista’ tgħid: “Iva, jien imwieled mill-ġdid”? Sewwa m’Alla Għalhekk billi konna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu (Rumani 5:1). Kif jista’ bniedem midneb jikseb il-paċi m’Alla? Skond l-Iskrittura hemm mezz wieħed biss: billi jkun ġustifikat permezz tal-fidi fi Kristu. “Għalhekk billi konna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu’ (Rumani 5:1). Il-kelma “ġustifikazzjoni” hi meħuda mill-qrati tal-ġustizzja; tfisser bil-maqlub ta’ “kundanna.” Hekk mela, min iħares il-liġi hu meqjus ġust; min jiksirha hu ħati. Xogħol l-imħallef hu li jiġġustifika l-ġust u jikkundanna l-ħati. Għalhekk il-ġustifikazzjoni hi s-sentenza ta’ l-imħallef li jiddikjara l-akkużat ġust u bla ħtija, u jeħilsu minn kull kastig. Kieku konna ġusti, bla dubju Alla kien jiġġustifikana. Iżda nammettu li m’aħniex ġusti. Għall-kuntrarju aħna ħatja għax ksirna u erġajna ksirna l-liġi tiegħu. Ghaldaqstant is-sentenza ġusta t’Alla fuqna għandha tkun il-kundanna. Hemm xi mezz kif midneb jitħabbeb m’Alla u jeħles mill-kastig? Forsi jista’ bniedem ipatti għal ħtijietu u jgħix ħajja għalkollox ġusta? Kieku kien hekk, Alla kien ikun obbligat jiġġustifikah. Il-knisja Kattolika tgħallem li “Alla jagħmilna ġusti fina nfusna” (Katekiżmu, paragrafu 1992). Dan ifisser li Alla jiġġustifika lill-midneb jekk bis-sagramenti u l-opri tajba jinstab ġust fl-aħħar ta’ ħajtu. Huwa veru li Alla jaħdem f’uliedu biex iqaddishom u jsiru jixbħu lil Ibnu. Madankollu, sakemm jibqgħu fuq l-art l-Insara jibqgħu jidinbu (1 Ġwanni 1:8). Għalhekk il-messaġġ Kattoliku - li Alla jiġġustifika l-ġust - hu aħbar ħażina għall-midneb! Mhux hekk il-messaġġ tal-Bibbja! Ħa jkun imfaħħar Alla: L-Evanġelju huwa aħbar tajba għall-midneb: “Imma għal dak li ma jaħdimx, iżda jemmen f’dak li jiġġustifika l-ħażin, il-fidi tiegħu tingħadd bħala ġustizzja” (Rumani 4:4,5) Alla jiddikjara lill-midneb li jemmen “ġust, bla ħtija”! Ma jiġġustifikahx għax hu ġust fih innifsu (għax mhux!). Alla jiġġustifika “lill-ħażin”! Lanqas jeħilsu minħabba xi mertu li kiseb bl-opri tiegħu. Alla jiġġustifika lil “dak li ma jaħdimx”! Dan hu l-Evanġejlu tassew, balzmu għar-ruħ miskina tal-midneb! Kif jista’ jkun Alla jiġġustifika lil min jemmen ladarba għadu midneb? Forsi jagħlaq għajnejh għad-dnub? Żgur li le! Alla huwa għalkollox rett meta jiġġustifika lil dawk li jafdaw f’Ibnu. Dan għaliex Kristu, il-ħaruf bla tebgħa, ta ħajtu b’sagrifiċċju għal dnubiethom. Daħal responsabbli għad-dejn tagħhom u għamel tajjeb għalih kompletament b’demmu stess. “Il-Mulej tafa’ fuqu l-ħażen tagħna lkoll” (Isaija 53:6). Il-kburija f’qalb il-bniedem ma tħallihx jara l-grazzja u l-ħniena t’Alla. Minflok jafda għalkollox fi Kristu, jipprova jitħabbeb m’Alla bil-ħila u l-għemejjel tiegħu. Minflok jemmen f’Alla, jispiċċa jserraħ fuqu nnifsu. Mhux ta’ b’xejn il-Mulej Ġesù rrakkonta din il-parabbola lil dawk li kienu “jafdaw fihom infushom li huma nies sewwa’ (Luqa 18:9-14). “Żewġt irġiel telgħu t-tempju jitolbu; wieħed Fariżew, u l-ieħor publikan. Il-Fariżew kien bil-wieqfa jitlob hekk ġo fih: O Alla, niżżik ħajr li miniex bħan-nies l-oħra, ħattafin, bla ħaqq, adulteri, jew ukoll bħal dan il-publikan. Insum darbtejn fil-ġimgħa, u nagħti l-għexur ta’ kulma għandi. U l-publikan, wieqaf ‘il bogħod, ma riedx biss jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma kien iħabbat fuq sidru, jgħid: O Alla, kun ħanin miegħi, midneb. Ngħidilkom: dar-raġel niżel daru ġġustifikat aktarx milli l-ieħor.” L-ewwel wieħed ippreżenta l-ġustizzja u l-għemil tajjeb tiegħu lil Alla. It-tieni ġie idu f’idu. Ir-reliġjuż kien jidhirlu li hu ġust u resaq ‘il quddiem; l-publikan kien mistħi u mriegħex. It-tnejn telgħu t-tempju jitolbu: wieħed qagħad ipaċpaċ u ma talbu xejn; l-ieħor talbu ħniena. It-tnejn niżlu lejn id-dar. Dak li kellu fiduċja fih innifsu li hu bniedem tajjeb, f’għajnejn Alla ma kienx. L-ieħor, li ma kien jafda f’xejn għajr fil-ħniena t’Alla mar lejn daru ġġustifikat minn Alla. U inti? Qed tafda fik innifsek li inti bniedem ġust? Jew tqis lilek innifsek ħati, u tintelaq fl-idejn ħanina ta’ Kristu għall-ħelsien mill-ħtija tad-dnub? Nittama f’Alla li ma tafda f’ħadd u f’xejn iżjed għajr fil-Mulej Ġesù Kristu. Is-Salvazzjoni Bil-grazzja intom salvati, permezz tal-fidi, u dan mhux minnkom infuskom, dan hu don t’Alla; mhux mill-opri biex ħadd ma jiftaħar (Efesin 2:8,9). Trabbejt f’familja Kattolika. Smajt l-ewwel darba l-messaġġ evanġeliku meta kelli xi ħmistax il-sena. Staqsejt, “X’għandi nagħmel biex insalva?” Qaluli, “Emmen fil-Mulej Ġesù Kristu u tkun salvat.” L-Evanġeliċi jgħallmu li bniedem isalva bil-fidi biss u mhux bil-merti ta’ l-opri tajba wkoll. Dan it-tagħlim kien jidher żbaljat u perikoluż. Żbaljat għax San Ġakbu jgħid li l-fidi mingħajr opri hi mejta. Perikoluż għax donnu jenkoraġġixxi ħajja laxka ladarba wieħed ma jsalvax bl-opri. Bdejt infittex l-Iskrittura bis-serjetà. Sibt li Ġakbu ried jiddistingwi bejn fidi vera u fidi finta. “X’jiswa ħuti jekk wieħed jgħid li għandu l-fidi, u m’għandux opri? Tista’ l-fidi ssalvah?” (Ġakbu 2:14). Fidi tal-paroli biss ma tiswa xejn u ma ssalva lil ħadd. Fidi ġenwina tingħaraf mill-opri tajba li tipproduċi. Imma baqgħet il-mistoqsija ewlenija: Bniedem isalva bil-fidi biss – bil-fidi ġenwina li tinwera mill-opri? Jew isalva bil-fidi u l-mertu ta’ l-opri tiegħu? It-tweġiba tal-Bibbja kienet qisha bomba li farrket ghalkollox il-pedament tar-reliġjon tiegħi: “Għax bil-grazzja intom salvati, permezz tal-fidi, u dan mhux minnkom infuskom, dan hu don t’Alla. Mhux mill-opri biex ħadd ma jiftaħar. Għax aħna xogħol tiegħu, maħluqin fi Kristu Ġesù għall-opri tajba” (Efesin 2:8-10). Salvati permezz tal-fidi...mhux mill-opri! L-istess ktieb li tant jagħmel enfasi fuq l-opri tajba u ħajja qaddisa, jgħallem ukoll li s-salvazzjoni ma tiddependix fuq l-opri personali. Il-Kristjan ma jserraħx fuq it-tjieba u l-isforzi tiegħu iżda jintelaq għalkollox bil-fidi f’dirgħajn xi ħadd ieħor, il-Mulej Ġesù. Meta l-Bibbja tgħid li salvati “mhux mill-opri” qed tirreferi għall-ħidma tagħna. Ma tgħidx li s-salvazzjoni hi ħaġa ħafifa jew irħisa! Infatti x-xogħol tas-salvazzjoni huwa impossibbli għall-bniedem. Alla biss seta’ jikseb il-ħelsien tal-midneb bis-saħħa ta’ Ibnu Ġesù. L-Iben etern t’Alla sar bniedem u qagħad għar-rieda ta’ Missieru biex jakkwistalna l-ħelsien mid-dnub. “Kristu fdiena mis-saħta tal-liġi, billi sar saħta għalina, għax hu miktub: Misħut kull min ikun imdendel ma’ għuda” (Galatin 3:13). Bdejt nifhem li l-piena ta’ dnubieti mhux jien inħallasha bl-opri u l-penitenzi tiegħi, imma Kristu bid-demm li xerred fuq is-salib. Bla dubju, kien għalhekk li Alla jridni nemmen fih. Kelli mistoqsija oħra. Għaliex mela għandi nagħmel l-opri tajba? L-appostlu Pawlu wara li jistqarr ċar li m’aħniex salvati bl-opri tagħna, ikompli jgħid li aħna salvati “għall-opri tajba.” Mhux bl-opri, imma għall-opri; fi kliem ieħor, l-għemejjel tajba huma l-frott, mhux il-kawża, tas-salvazzjoni. Illum jien Kristjan Evanġeliku u żgur mid-destin tiegħi, il-Ġenna. Taħsibnix prużuntuż, għax illum m’għadnix nafda iżjed fl-għemejjel u l-ħila tiegħi. Illum nafda għalkollox f’Ġesù Kristu, billi naf li l-mewt tiegħu fuq is-salib tħallas totalment id-dejn ta’ dnubieti. Ix-xewqa ewlenija tiegħi hi li ngħix għall-glorja ta’ dak li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija. Ninkwieta għall-Kattoliċi li jkomplu jgħaffġu fid-dnub u jippretendu li fl-aħħar xorta jispiċċaw sew. Jaqblilhom jisimgħu t-twissija li l-fidi mingħajr opri hi mejta. Mill-banda l-oħra, ninkwieta wkoll għall-Kattoliċi devoti li jibżgħu minn Alla u qed jagħmlu kull sforz biex jeħilsu mill-kundanna u jimmeritaw il-grazzja t’Alla. Għalkemm mingħalihom jemmnu fi Kristu, fil-fatt mhux tassew jemmnu fih għax għadhom qed jafdaw fil-ħidma u t-tjieba tagħhom. Irrid inxandar l-istess aħbar li smajt fi tfuliti, il-messaġġ ta’ l-Iskrittura. Jekk trid issalva, emmen fil-Mulej Ġesù Kristu biss u ieqaf afda fik innifsek. Itlaq minn idejk il-krozzi tar-reliġjon, u aqbad bil-fidi mal-Mulej Ġesù. Tipprovax tixtri s-salvazzjoni bil-merti tiegħek; ilqa’ bi gratitudni l-għotja ta’ salvazzjoni b’xejn mingħand Alla. L-Evanġelju Jien ma nistħix mill-evanġelju ta’ Kristu, għax hu l-qawwa t’Alla għas-salvazzjoni ta’ kull min jemmen (Rumani 1:16). Ħabib, l-Iskrittura twissina li hu maqtugħ għalina li mmutu darba u immedjatament wara jsir ġudizzju minna. Il-ħajja qasira tiegħek dalwaqt tintemm. Madankollu l-mewt mhix it-tmiem; jeħtieġ tidher quddiem it-tribunal t’Alla. Imbagħad jibqa’ l-ħajja eterna ta’ ferh fil-Ġenna jew il-kastig ta’ dejjem fl-Infern. Ħafna jagħżlu li jinjoraw dawn il-ħwejjeġ serji għax huma wisq imħabbta bix-xogħol u d-divertiment. Oħrajn jippretendu li huma nies sewwa u għalhekk m’għandhomx għalfejn jinkwetaw. Jgħidulek, “Alla hu mħabba: żgur ma jibgħat lil ħadd ibati.” Dawn l-iskużi ma jiswewlek xejn meta tidher quddiem l-Imħallef tad-dinja. Lest għal dak il-jum? Kollox jiddependi jekk temminx l-Evanġelju ta’ Kristu. L-Evanġelju veru u ‘evanġelju’ taparsi L-appostlu Pawlu kien imbaqbaq u inkwetat meta kiteb l-ittra lill-Galatin. Bir-raġun! Il-ġieħ t’Alla u s-salvazzjoni tal-bnedmin kienu mhedda b’tagħlim qarrieq. Għalliema foloz kienu qed jisfiguraw l-evanġelju appostoliku. Tkellmu fuq Kristu, il-fidi u l-grazzja t’Alla iżda bil-malizzja tagħhom neżżgħu l-evanġelju mill-qawwa tiegħu. Bdew jgħallmu li minbarra l-fidi fi Kristu jeħtieġ ukoll tkun ċirkonċiż u tobdi l-liġi ta’ Mosè biex tkun milqugħ minn Alla. L-appostlu Pawlu kellu kliem iebes għal dan l-evanġelju finta: “Nistgħaġeb kif hekk malajr tbegħdtu minn dak li sejħilkom fil-grazzja ta’ Kristu għal evanġelju ieħor. Mhux għax hemm ieħor, imma hemm x’uħud li qegħdin iħabbtukom u jridu jaqilbu l-evanġelju ta’ Kristu. Iżda kemm jekk aħna, jew anġlu mis-sema, ixandrilkom evanġelju ieħor barra minn dak li xandarnielkom aħna, ħa jkun misħut” (Galatin 1:6-8). Aħseb ftit. Jekk ż-żieda tal-liġi t’Alla u ċ-ċirkonċiżjoni mal-fidi kien żball hekk serju tant li jħassar l-evanġelju, x’inhu l-ġudizzju ta’ l-Iskrittura fuq il-messaġġ tal-Knisja Kattolika? L-evanġelju ta’ Ruma huwa fidi u opri, grazzja u mertu, Kristu u l-knisja, penitenzi, is-sagrifiċċju tal-quddies, indulġenzi, il-medjazzjoni ta’ Marija, il-piena tal-purgatorju, u l-bqija. It-tagħlim Kattoliku hekk tbiegħed mill-Iskrittura li m’għadux aktar il-messaġġ tas-salvazzjoni t’Alla. Lil dawk kollha li jipprovaw jitħabbu m’Alla bir-ritwali u l-opri tagħhom - bħalma jagħmlu l-Kattoliċi li jsegwu sew it-tagħlim tal-knisja tagħhom -- l-Iskrittura twissihom li Kristu ma jiswielhom xejn u ma għarfux il-grazzja t’Alla. Indem u Emmen l-Evanġelju Nagħmel appell minn qalbi lil ħbiebi Kattoliċi. Nitlobkom f’isem Kristu biex titħabbu m’Alla. Qis lilek innifsek midneb bla ġieħ u ribelluż kontra Alla. Ammetti l-ħtija tiegħek quddiem l-Imħallef ta’ l-art kollha; ammetti li ħaqqek il-kundanna tan-nar ta’ dejjem fl-Infern. Stqarr li xejn ma tista’ tagħmel int biex tpatti għall-htija infinita ta’ dnubietek. Fl-istess waqt tiddisprax imma ħares lejn Alla ta’ kull grazzja u ħniena. Tibqax tafda fuqek innifsek, l-opri u l-merti tiegħek. Is-salvazzjoni tiġi mill-Mulej waħdu, il-fidwa hi x-xogħol tiegħu, u allura kull glorja tixraq lilu biss. Isserraħx aktar fuq xi knisja, Marija jew il-qaddisin, saċerdot uman, is-sagrifiċċju tal-quddiesa jew f’purgatorju immaġinarju. Minflok, afda biss u kompletament fi Kristu, l-Iben t’Alla, għax hu waħdu l-medjatur, l-uniku qassis li offra lilu nnifsu b’sagrifiċċju perfett biex jagħmel tajjeb għad-dnubiet kollha tal-poplu tiegħu. Lil dawk li hekk jafdaw fi Kristu, l-Iskrittura tassigurahom li fih għandna l-fidwa (ħelsien mid-dnub) permezz ta’ demmu, il-maħfra tad-dnubiet, skond il-għana tal-grazzja tiegħu (Efesin 1:7). Il-Mulej ikun ħanin miegħek u jagħtik il-grazzja ta’ l-indiema biex iddur mill-evanġelju finta tal-knisja Rumana u biex tagħti dahrek għad-dnub. Il-Mulej jagħtik l-għotja tal-fidi biex tistrieħ fi Kristu Ibnu u taqdih il-jiem kollha ta’ ħajtek waqt li nistennewh jiġi lura biex jeħodna f’dar il-Missier.
-- |